Il-Komik
Li kelli nikklassifika s-snin li fihom ġew ippubblikati l-komiks Maltin, kont nagħżel l-ewwel nofs tas-snin tmenin bħala ż-żmien tad-deheb għall-istrixxiklu Malti. Dan nagħmlu bil-modestja kollha u b’ebda paragun mal-golden age tal-comics Amerikani.Wara l-pubblikazzjoni ta’ ADRON RE, AVVENTURA, ĦREJJEF MISSIRIJIETNA, KOMIK SAGĦTAR U IMĦABBA VERA, u anki t-traduzzjoni ta’ IL-BIBBJA BL-ISTAMPI, kien imiss IL-KOMIK bħala ġawhra oħra fil-kullana ta’ pubblikazzjonijiet importanti għall-istorja tar-rakkont impinġi f’Malta. Dan ħareġ għall-ewwel darba fl-1983 u żamm l-appuntament tiegħu ta’ kull ġimagħtejn mal-qarrejja tiegħu sakemm waqaf fid-9 ħarġa fl-1984. B’Ġorġ Mallia fuq quddiemnett iħabrek biex iwassal IL-KOMIK għall-pubblikazzjoni fiż-żmien stipulat, kien hemm ukoll jgħinuh Trevor Zahra u Joseph Farrugia. Bħala kontributuri kien hemm Norman C.Borg, Victor Pulis, Frank Bowman, George Apap u David Cremona u Mikiel Galea. IL-KOMIK kien fih stejjer differenti li jvarjaw minn l-eroj futuristiċi sa Ġaħan.
L-ideat kienu friski u bdejna naraw il-kulur għall-ewwel darba fil-paġni ta’ ġewwa tal-comics. Il-Kaċċatur ta’ Ġorġ Mallia u Sajjetta ta’ Joseph Farrugia komplew bl-istejjer avventurużi tagħhom wara li twaqqaf AVVENTURA(1982). Victor Pulis ukoll spikka bix-xogħol tiegħu tassew mirqum u b’suġġetti mill-istorja u l-eroj tagħha. IL-KOMIK kien l-ewwel tentattiv ta’ din ix-xorta fejn grupp ta’ strixxikolisti ġew editorjalment organizzati biex iwasslu x-xogħol tagħhom lill-pubbliku fi żmien ġimagħtejn