Ħrejjef missirijietna
ĦREJJEF MISSIRIJIETNA (1984) kienet sensiela ta’ strixxikli ideata minn Pawlu Mizzi tal-Klabb Kotba Maltin biex tqiegħed il-ħrejjef Maltin għal darb’oħra f’idejn il-pubbliku, peress li l-aħħar li dawn kienu ppubblikati kien fis-snin 60. Is-sensiela kollha kellha tkun ta’ 13-il strixxiklu li jkopru 13-il ħrafa differenti minn dak li kien ġabar Patri Manwel Magri SJ lejn l-aħħar tas-seklu 19, iżda Ħrejjef Missirijiet fil-forma mpenġija wasal biss sa għadd 2. L-ewwel ħareġ BIN IS-SULTAN JIŻŻEWWEĠ IX-XEBBA TAT-TRONĠIET MEWWIJA, imbagħad IL-LANĠASA TAD-DEHEB, kull wieħed bi 32 paġna bla kulur. Filwaqt li l-kitba hija ta’ l-istess Pawlu Mizzi, it-tpenġija hija ta’ Manwel Farrugia. Interessant li wieħed ikun jaf jekk il-ħdax-il strixxiklu li kien imiss fil-fatt kinux impeġijin bil-lest minn Manwel Farrugia jew xi ħadd ieħor, għaliex il-Klabb Kotba Maltin kien qed jirriklama fuq l-istess pubblikazzjoni li kull strixxiklu kellu "joħroġ dalwaqt".