Strixxikli klandestini
L-istrixxikli klandestini huma espressjoni ta’ grupp ta’ nies (ġeneralment żgħażagħ) jew individwi li jkunu jridu jwasslu ideat alternattivi jew valuri devjanti minn dak li hu aċċettat u permissibbli fis-soċjetà.
F’Malta l-istrixxikli klandestini huma ftit u dawk il-ftit huma diffiċli biex tittraċċahom, ġa la darba ma teżisti ebda pubblikazzjoni jew sit elettroniku li jirriklamahom għall-bejgħ. Dan jiġri mhux biss minħabba l-element delettantesk u ċensurabbli ta’ l-istrixxikli klandestini imma wkoll għaliex ħafna drabi l-materjal tagħhom ikun orjentat wisq lejn in-natura tal-grupp u bosta drabi jindirizza speċifikament lill-istess membri tal-grupp u b’hekk mhux dejjem jinteressa lil min hu barrani. Raġuni oħra hija li ma jkunx hemm konsistenza fil-ħruġ tax-xogħol pinġut u b’hekk jintilef l-interess tal-qarrejja.
Din is-sitwazzjoni Maltija tal- underground comics, għalkemm minn lenti makro għall-aħħar, għandha wkoll tinteressana bħala parti mix-xena tal-comics f’pajjiżna u l-istorja tagħha. Minħabba raġunijiet kulturali u tas-suq, huwa ferm diffiċli biex xogħlijiet b’suġġetti mqarba ta’ natura adulta jew b’ideat antisoċjali, jsibu ruħhom għand xi stampatur jew f’xi ħanut tal-kotba hawn Malta. Din id-diffikultà tingħeleb meta x-xogħol impinġi jkun riprodott f’fotokopji u jinbiegħ mill-idejn jew minn wara l-bank ta’ xi kafè fejn ikunu jiffrekwentaw l-istess żgħażagħ. Hemm ukoll l-għażla li wieħed jippostja l-istrixxiklu fuq l-internet fejn llum saret aktar faċli u aktar aċċessibli, imma imbagħad naħseb li t-termnu "klandestin" ma jibqax jgħodd hawnhekk.
Mit-tagħrif disponibbli għall-pubbliku fi blogg partikulari fuq l-internet, nafu li kien jeżisti grupp li taħtnijiet, kien jipproduċi strixxikli adulti. Dan il-grupp imlaqqam iċ-Ċirku Bertu Funtana kien jiltaqa’ f’kafè fil-Belt Valletta bejn l-1983 u l-1887. Xi individwi mill-grupp kienu jpinġu l-istejjer fuq pitazzi u kienu jistgħu jinqraw fil-ħanut jew jinsilfu. Dawn il-comics kienu jġibu l-isem ta’ KOKO u minnhom tpinġew xi erbatax-il wieħed differenti minn xi ħames individwi differenti. Fost il-kartunisti li taw sehemhom insibu lil dawk taħt in- nome de plume ta’ Mangi, Stordut u Lebrun. Kien hemm oħrajn anonimi. Xi snin wara fl-1997 uħud minnhom fosthom Mano, ħarġu adult comic bl-isem ta’ AAAGH!. Dan kien fotokopjat u mibjugħ mill-idejn u mill-bar tal-YMCA il-Belt u tiegħu ħarġu xi erba’ ħarġiet kollox sa ma waqaf fl-1998.
Iktar riċenti f'Mejju 2009, tlieta min-nies, Bin Għisa, il-Barba Kieli u l-Ħaddied, iffurmaw Il-Komiks tas-Sikkina. Minkejja li ġieli taw xi intervisti għall-gazzetti u tkellmu fuq xi programmi tax-xandir, dawn it-tlieta jinsistu li jibqgħu anonimi u jużaw il-psewdonomu filwaqt li l-istrixxikli tagħhom jikklassifikawhom bħala klandestini mmirati għall-adulti. L-istejjer li jiktbu u jpinġu huma dwar karattri meħudin mill-fantasija kollettiva tal-folklor Malti u imlibbsin libsa moderna. "Il-Gawgaw u l-Imlejka" huma tali karattri u qed ikunu ppreżentati fl-ewwel sensiela ta' strixxikli tal-"Komiks tas-Sikkina". L-istorja tirrakkonta l-vjaġġ kurjuż u skabruż tal-Gawgaw, raġel godli u sabiħ li jeħodha mal-għefieret u l-qawwiet ta' Bedud biex isib lill-maħbuba tiegħu, l-Imlejka, it-tfajla tal-ġmiel. "L-Għid tal-Erwieħ" hija sensiela oħra tal-Komiks tas-Sikkina u fl-istejjer tagħhom niltaqgħu ma' grupp rock li b'mod leġġer u umoristiku jdaħħalna fil-fenominu tal-erwieħ, is-sħaħar u l-eħirsa integrati mal-karatteristika tipika ta' gżiritna.