Tagħrif ġenerali dwar strixxi u strixxikli f'Malta.
Il-comics f'Malta mhumiex popolari daqs kemm issibhom f'pajjiżi oħra imma nistgħu ngħidu li, mis-snin sebgħin 'il hawn kien hawn qawmien fl-apprezzament ta' din il-forma ta' qari. Fuq l-ixkafef tal-ħwienet tal-gazzetti wieħed jiltaqa' ma' xi comics barranin speċjalment dawk Amerikani bħal Batman, Spiderman u oħrajn mid-dinja tal-Marvel u d-DC. F'dawn l-aħħar snin il-popolarità tal-comics żdiedet, tant li fetħu xi żewġ ħwienet speċjalizzati fuqhom biss. Dari konna naraw iktar comics Ingliżi bħal Beano u Dandy li kienu iktar għat-tfal milli għall-adulti. Għal din ir-raġuni ħafna Maltin għadhom jassoċċjaw il-qari tal-comics bħala ħaġa tat-tfal u li fihom ma ssib xejn ħlief ħmerijiet. Għalhekk wieħed ma jiskantax li l-pubblikazzjonijiet Maltin f’dan il-ġeneru, huma xi ftit jew wisq skarsi u t-talent f’dan il-qasam huwa mitluf.
B'dan l-isforz ċkejken tiegħi u bit-tagħrif li qed nagħti hawn, irrid ngħin biex tonqos il-perċezzjoni żbaljata dwar il-comics. Irrid ukoll nuri x’joffri t-talent Malti f'dan il-qasam, li minkejja l-iżvantaġġi tas-suq, għandna artisti u pubblikaturi li jagħtu l-kontribut xieraq tagħhom biex iseddqu l-arti tal-comics f’pajjiżna.
L-ewwel stejjer bl-istampi
L-ewwel strixxiklu
Mill-ftit riċerka li saret fuq is-suġġett jirriżulta li l-ewwel strixxiklu li kellu konnessjoni ma' Malta kien dak li deher fir-rivista ta' Children's Own fl-1948 bit-titlu ta' Robinson Crusoe, impenġi apposta minn MIKE. Din kellha sensiela ta' madwar 14-il paġna bl-istorja rrakkuntata taħt il-kwadretti. Ebda bużżieqa tal-kliem jew kaxxetti ma ntużaw fid-disinn u din tidher li kienet prattika komuni fil-comics ta’ dak iż-żmien, speċjalment meta s-suġġett kien ikun serju.
Tumasinu l-ewwel paġni komik
Tumasinu jidher li kien l-ewwel karattru tal-komiks li tkellem bil-Malti. Impinġi minn Carlo Desiderati fl-1955 u kollox jindika li dan kien xi artist Taljan li x-xogħol tiegħu nqaleb għall-Malti mill-istess editur taċ-Children's Own, Joseph Demanuele. Tumasinu kien jidher f'paġna għalih fuq iċ-Children's Own u d-diżavventuri tiegħu kellhom skop morali sabiex jgħallmu lit-tfal kif iġibu ruħhom tajjeb fis-soċjetà.
Il-bidu ta' l-istrixxiklu Malti
Fl-1971 kienet ippubblikata r-rivista SAGĦTAR li għadha sejra sa llum. Fl-1974 fuq din ir-rivista beda jingħata spazju għall-istejjer bl-istampi kif kienu jissejħu dak iż-żmien. Ġorġ Mallia kien pinġa l-ewwel storja bl-isem IL-KNISJA TAL-ĦLAS. Bejn l-1976 u l-1978, Ġorġ Mallia u Joe Mallia bdew ipinġu sensiela ta' stejjer fl-erba' paġna tan-nofs. Dawn il-paġni welldu l-istrixxiklu Malti b’karatteristiċi għal kollox Maltin u hawnhekk nistgħu ngħidu li Malta ingħaqdet ma' oħrajn madwar id-dinja fil-kultura tar-rakkont impinġi. L-ewwel strixxikli li dehru fost oħrajn kienu Viku Mason ta' Ġorġ Mallia u Ir-rewwixta ta' l-ilsiera ta' Joe Mallia.