L-istrixx
L-istrixx (2007) ħareġ għall-bejgħ għall-ewwel darba fil-fiera tal-ktieb f'Ottubru 2007. Jidher li għandu orjentazzjoni ambjentali imma l-istejjer u l-karattri pasparin li hemm fih iwasslu l-messaġġ mingħajr ma jkunu didattiċi żżejjed. L-istorja ewlenija hija dik ta’ EKOLINA, tfajla b’fattizzi aljeni. Strixxiklu tagħha deher ukoll fuq ir-rivista SAGĦTAR flimkien ma’ karattru ieħor jismu IŻ-ŻABBARIbejn Ott 2007 u Mejju 2008. L-istorja fuq L-ISTRIXX nru.1 hija dwar magna li tixrob l-imħuħ u tiżvojta liż-Żabbari milli jkompli jkun kreattiv. Imbagħad hemm stejjer qosra ta’ karattri pasparin li jmissu ħafna it-tema tal-ħarsien ta’ l-ambjent u l-ikel għas-saħħa. L-ISTRIXX (STEJJER PINĠUTI) għandu 32 paġna u kollu kulur.
L-istrixx nru2. ħareġ b'xejn mar-rivista Sagħtar f'Ottubru 2008. Fih insibu lill-Ekolina bħala l-karattru ewlieni. L-istorja ta' Ekolina ma tintemmx u tħallina bil-kurżità dwar l-inżul Tan-Newl (bħal stabbiliment fantastiku li jinżel fuq l-art donnu vettura marzjana) fuq ix-xagħra għażiża ta' Ħal Susa. Ekolina u ħabibitha Fel jipprovaw jinvestigaw dwar dan l-inżul u javviċinaw lis-sinklu biex iħajruh iwaqqaf lil Tan-Newl milli jeqred ix-xagħra. Iżda s-sindku ifarfar minn fuq spallejh, anzi jfaħħar l-inizjattiva Tan-Newl u jgħid li se tiswa' ta' ġid kbir. L-istejjer ta' Ekolina jidhru li għandhom l-intenzjoni biex joħolqu diskussjoni u jħajru lill-qarrej iwieżen sewwa bejn argument u ieħor f'dak li għandu x'jaqsam mal-ambjent. L-istejjer l-oħra f'L-ISTRIXX huma aktar mexxejja u umoristiċi imma t-tema ambjentali hija dejjem preżenti.
Minbarra dawn iż-żewġ ħarġiet, L-ISTRIXX ippubblika sensiela ta' stejjer oħra fir-rivista Sagħtar bejn l-2007 u l-2008. Bħas-soltu l-protagonisti huma Ekolina u l-kumpann tagħha ż-Żabbari. Dawn it-tnejn jikkumbattu mostri mekkaniċi mmexxija minn karattri għawwiela u qerrieda tal-ambjent, fosthom il-Farraxk, l-Affarun u s-Suffarell.
F'Ottubru 2009 L-Istrixx beda jkun ippubblikat mill-Union Print (L-istrixx nru.3) u mqassam b'xejn mal-ġurnal L-ORIZZONT ta' kull tieni Sibt tax-xahar. U hekk għadu joħroġ sal-lum.