Univers ta’ fantaxjenxa
Avventura kien l-ewwel komik tal-fantaxjenza. L-artisti Ġorġ Mallia, Joseph Farrugia u Norman C. Borg ingħaqdu ma’ l-ideatur Ray Vassallo biex jillanċjaw id-dinja ta’ AVVENTURA. Huma ħolqu univers fantastiku u stabbilew fih il-ħakma tal-Imperu gallattiku, mmexxi mid-dinastija ta’ Ħas. L-istejjer kienu kollha ambjentati f’xi epoka jew oħra ta’ dan l-Imperu. F’Avventura niltaqgħu mal-KAĊĊATUR, li xogħlu kien li jelimina l-kriminali li kienu jiġġerrew u jħufu fit-trufijiet ta’ l-univers fejn il-patrol gallattiku ma kienx jilħaq sewwa. Il-Kaċċatur li fl-istejjer tiegħu qatt ma jinkixef ismu u nsibuh dejjem jiġġerra minn pjaneta għal oħra, hekk kif jasallu xi rapport dwar xi brigant. Fl-ewwel episodju lill-Kaċċatur narawh jassassina kriminal li jkun qiegħed jistaħba fuq pjaneta diżabitata mimlija blat u muntanji. Minħabba din l-art mħarbta tal-pjaneta, l-kreatura ħażina kkaċċata mill-Kaċċatur, sabitha faċli biex tinħeba wara l-blatiet strambi imma l-kaċċatur kellu arma li tqatta’ saħansitra l-blat samm u ma damx ma radam lill-kreatura kriminali taħt borġ ġebel.
Il-kaċċatur
Il-kaċċatur twieled fiż-żminijiet meta Judge Dredd kien invoga u l-eroj Amerikani bdew jittrasformaw ruħhom fi bnedmin tad-demm u l-laħam permezz tal-pinna kreattiva ta’ Alan Moore u oħrajn. Għalkemm il-Kaċċatur ta’ Ġorġ Mallia seta’ kellu xi ftit minn dawn il-karatteristiċi ta’ l-eroj emerġenti tat-2000AD, il-Marvel u d-DC, personalment ħassejtu jinqala’ xi ftit mill-mudell Ingliż u Amerikan li kienu miżgħuda bit-tagħmir teknoloġiku. Għal kuntrarju il-kaċċaturi daħal f’dimensjoni tal-ħrejjef meta fl-ewwel storja jiltaqa’ ma’ spirtu ta’ pjaneta ippersonifikat f’raġel xwejjaħ. Hemm l-element tal-maħbuba b’xebh mal-persunaġġ tal-prinċipessa. Minkejja li l-Kaċċatur huwa karatrru tal-futur, ir-rabta mal-ħrejjef tinħass ġmielha u din, kif naraha jien, tat lill-Kaċċatur identità differenti, żgur mill-materjal Malti kollu li kien ħareġ sa l-1984, kif ukoll meta mxebbah mal-mudell tipiku barranin. L-isem “Kaċċatur” għandu għeruq fondi fil-ħrejjef, speċjalment dawk Maltin u dan juri kemm Mallia irnexxielu jżewwaq il-fantaxjenza mal-ħrejjef u l-eroj internazzjonali ma’ dak lokal.
Dnub li l-istorja ta' l-ispirtu tal-pjaneta ma tkomplietx, iżda imbagħad Ġorġ Mallia baqa’ jtina stejjer tajbin u jikkarga l-element tal-ħrejjef f’ħarġiet oħrajn tal-pubblikazzjoni ta’ IL-KOMIK li ħarġet xi xhur wara.
Sajjetta
Sajjetta huwa eroj ieħor li laqatni meta qrajtu l-ewwel darba fl-1982. Misjub tarbija minn xjenzat qalb it-tiġrif ta’ bini mwaqqa’ li sofra splużjoni misterjuża minn ġewwa (iġġiegħlek tifhem li twieled b’sajjetta), ttieħed minn Mnaj ix-xjenzat, għaliex dan induna bis-sinjal projbit illi kellu fuq wiċċu. Semmih JONIN u rabbih miegħu. Dan ġara fuq il-pajneta Mundra, fil-belt kbira u kolta ta’ Budska .Hemm in-nies kienu ta’ ġilda kaħla u lkoll kienu jitwieldu b’xehwa fuq wiċċhom fil-forma ta’ maqrut jew xi ħaġa oħra. Il-punent ta’ Mundra kien iggvernat minn reġim dittatorjali, kompost mill-KABURI SUPREMI. Xi snin qabel, ċertu profeta, ħabbar li l-Mundrani għad ikollhom ħellies li fuq wiċċu jkollu x-xehwa tat-tama, s-simbolu tal-ħelsien. Issa Jonin kellu propju dan is-simbolu fuq wiċċu għalhekk kiber fil-ħabi u tgħallem kollox mingħand ix-xjenzat. Huwa kellu poteri speċjali u minn ġo fih kien joħroġ l-elettriku li kien jgħinu jtir b’ħeffa ta’ sajjetta.
Mad-daqqa t’għajn, lil Sajjetta taħsbu xi kopja ta’ Daredevil jew Spiderman imma meta tħares lejn ix-xenarju u l-isfond kollu ta' l-istorja u l-karattri fl-istrixxikli ta’ Sajjetta, issbu ferm oriġinali. Kważi s-super eroj kollha li niltaqgħu magħhom fil-comics Marvel u DC, huma ambjentati fil-preżent u fuq id-dinja tagħna. Joseph Farrugia ħareġ b’karattru tal-futur imma fl-istess ħin f’atmosfera politika ta’ żmienna. Għandu l-element Bibbliku tal-profezija u tas-salvazzjoni u dan fil-kuntest tal-kultura nisranija Maltija joqgħod komdu fil-mudell Malti, għallinqas fis-snin tmenin meta nkiteb u tpinġa. Personalment, ma neskludix il-fatt li Sajjetta kien ukoll allegorija għall-ġrajjiet politiċi li seħħew f’Malta dak iż-żmien u għalkemm nista' ma naqbilx ma’ din l-interpretazzjoni ta’ l-awtur (jekk hekk tassew kienet l-intenzjoni ta’ l-awtru), xorta nqisu b'xogħol interessanti ħafna.